31 ta' Lulju, 2012
17:28 CET |
Il- Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Malta Labour Party u l-mexxej tiegħu Joseph Muscat nefħu bużżieqa u din infaqgħet f'wiċċhom.
Dan wara li Muscat ipprova jħammeġ u jitfa' t-tajn b'allegazzjonijiet serji fuq bord tal-għażla fil-qasam tas-Saħħa li imbagħad irriżulta li fuqu hemm Franco Mercieca, kandidat Laburista għall-elezzjoni li ġejja.
Il-Partit Nazzjonalista rrefera għal stqarrija li ħareġ aktar kmieni d-Dipartiment tas-Saħħa bi tweġiba lill-MLP dwar bordijiet ta' għażla għal posts ta' konsulenti mad-Dipartiment tas-Saħħa, u qal li din tifqa' bużżieqa f'wiċċ Joseph Muscat, li pprova jonfoħ fl-aħħar jiem f'attentat biex jitfa' dawl ikrah fuq il-qasam tas-saħħa u fuq il-bord tal-għażla.
Id-Dipartiment tas-Saħħa fl-istqarrija tiegħu saħaq li l-proċess tal-għażla kien wieħed totalment trasparenti u kollu kemm hu taħt l-iskrutinju tal-Kumissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Min-naħa tiegħu il-Partit Nazzjonalista staqsa ''jekk Muscat hu konvint mill-allegazzjonijiet li għamel fuq il-Bord li fuqu kien hemm Franco Mercieca, se jieħu passi fil-konfront tal-kandidat Laburista?''. Staqsa wkoll min fil-MLP instiga l-attakk fuq il-kandidat laburista Franco Mercieca.
|