Kenneth XUEREB
6 t' Awwissu, 2012
18:44 CET |
Il-Kunsilli Lokali huma l-organizzazzjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi f'laqgħat separati mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali fil-Berġa ta' Kastilja.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern japprezza u jirringrazzja l-Kunsilli Lokali li qed iħaddmu fil-prattika il-kunċett ta' devoluzzjoni. Qal ukoll li l-Gvern se jkompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kunsilli Lokali fil-kuntest tar-realtajiet finanzjarji attwali.
Lawrence Gonzi qal li filwaqt li pajjiżi oħrajn saħansitra qed iżarmaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom, f'Malta il-Gvern kompla żied il-finanzjament tal-Kunsilli u ħoloq strutturi biex id-deċiżjonijiet jittieħdu dejjem eqreb tal-komunitajiet bit-twaqqif tal-kumitati reġjonali u amministrattivi.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Michael Cohen irringrazzja lill-Prim Ministru għall-appoġġ li jagħti lill-Kunsilli Lokali u qal li l-fatt li l-Kunsilli issa jinsabu taħt id-dikasteru dirett tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jawgura tajjeb għal konsultazzjoni iktar diretta mal-Gvern Ċentrali. Cohen qal li f'dawn l-aħħar snin, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali firxet il-ħidma tagħha tant li saret qisha aġenzija li tiġbed lejn Malta fondi tal-UE għan-nom tal-Kunsilli Lokali.
Fit-tieni laqgħa, il-Prim Ministru qal li wara r-riforma li saret fil-Kunsilli Lokali, is-Segretarji Eżekuttivi effettivament saru l-kapijiet eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali li qegħdin hemm biex jiżguraw amministrazzjoni tajba f'kull lokalita'.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi Paul Gatt, irringrazzja lill-Prim Ministru għall-appoġġ kontinwu tal-Gvern.
Fil-bidu taż-żewġ laqgħat, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ippreżenta żewġ ċekkijiet li jammontaw għal €35,000 bħala għajnuna għall-ħidma amministrattiva taż-żewġ assoċjazzjonijiet.
|