MaltaRightNow.com
15 t' April, 2012
19:56 CET |
Fis-seduta tal-Parlament ta’ nhar it-Tnejn 23 ta’ April 2012 il-Gvern se jressaq l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi li jemenda l-Liġi dwar il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Fost l-emendi li se jitressqu se jkun hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Kunsill tal-MCESD billi se jingħata siġġu kull wieħed lill-FORUM, lir-rappreżentanti ta’ Għawdex u lir-rappreżentanti tas-Soċjeta’ Ċivili.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li dawn l-emendi huma riżultat ta’ żvilupp naturali fil-proċess tat-twessiegħ ta’ djalogu soċjali parteċipattiv li għaddej minnu l-MCESD li kien jinkludi t-twaqqif tal-Kumitat għas-Soċjeta’ Ċivili u fl-2008 it-twaqqif tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex.
Il-FORUM se jingħata siġġu fil-Kunsill bħala organizzazzjoni li tiġbor fi ħdanha numru ta’ unions u li issa hija wkoll rappreżentata fil-Kunsill għat-Trade Unions Ewropej.
Sadanittant il-kumitat dwar ir-ristrutturar tal-MCESD se jkompli bil-ħidma tiegħu u l-Gvern se jkun qed jistenna li minnu joħorġu proposti oħra għal bidliet fl-operat tal-MCESD. Dawn il-proposti, li jkun hemm qbil dwarhom f’dan il-working group, jiġu kkunsidrati mill-Gvern biex jinkludihom mal-emendi.
Dwar l-aħbar li l-MCESD se jilqa' membri ġodda ħarġu stqarrijiet ta' sodisfazzjon mill-GWU u mill-Grupp Universitarji Ghawdxin, il-GUG.
Il-GWU laqgħat b'sodisfazzjon din id-deċiżjoni tal-Gvern imma qalet li tittama li l-Gvern ħa dan il-pass għax konvint minnu u mhux għax ġejja elezzjoni. Qalet ukoll li ma tistax tifhem kif kellu jgħaddi daqshekk żmien biex jittieħed dan il-pass u fakkret li hi kienet ipproponietu fi proposti li ressqet fl-2007.
Min-naħa tagħha l-GUG tenniet li taqbel mal-bidla li se ssir fil-liġi u qalet li bħala membru tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fejn tirrappreżenta liż-żgħażagħ u lill-istudenti, temmen li dawn l-emendi se jagħtu spazju għal aktar djalogu. Hi qalet li ż-żgħażagħ Għawdxin għandhom sehem fil-futur ta' Għawdex u għalhekk għandhom dejjem jiġu nklużi fil-konsultazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
|