20 ta' Lulju, 2010
13:25 CET |
Bħala parti mil-Malta Arts Festival, it-Tlieta u l-Erbgħa se jittellgħu żewġ kunċerti fil-bitħa tal-Palazz tal-President il-Belt mill-Orkestra Barokka tal-Unjoni Ewropeja. L-orkestra hi waħda ta' fama u rinomata sew għall-ispettaklu li toffri, tant li għandha kalendarju ppakkjat t'attivitajiet bi programm mimli ta' kunċerti sal-aħħar tas-sena madwar l-Ewropa kollha.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet f'Dar l-Ewropa, is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu Mario De Marco qal li Malta hi kburija li rnexxielha tattira lejha dan it-tip ta' spettaklu.
De Marco faħħar il-ħidma li qed issir mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura u rrimarka li din is-sena l-Malta Arts Festival għamel qabża ta' kwalita' li għandha tibqa' fis-snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari qal li f'pajjiżna l-barrokk tarah kull meta tidħol il-Belt u anke f'ċertu villaġġi u bliet oħra u għalhekk hemm rabta qawwija bejn il-mużika stil barokk u pajjiżna. Mario De Marco qal li l-Gvern qed jaħdem biex attivitajiet fuq still barokk jkomplu, tant li s-Segretarju Parlamentari ħabbar li għaddejja ħidma biex fix-xhur li ġejjin isir l-ewwel festival stil barokk fuq skala nazzjonali f'pajjiżna.
Il-Malta Arts Festival, li issa riesaq lejn tmiemu, huwa mifrux fuq xahar b'diversi attivitajiet kulturali.
|