Joanna MIFSUD
15 ta' Settembru, 2012
19:44 CET |
Għall-Forum Ekonomiku Dinji Malta saret aktar kompetittiva, għall-Moody’s Malta għamlet suċċess fit-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi. Iżda għall-Oppożizzjoni, kollox jibqa’ ħażin.
Fi stqarrija li ħareġ il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment tgħid li għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni ma tilfitx l-opportunità li tipprova tpatti għal xi ċertifikat internazzjonali pożittiv li tkun irċiviet l-ekonomija Maltija, ċertifikat li jfisser li pajjiżna jkun qed isir aktar attrajenti għall-investiment u l-ħolqien tal-jobs. Minflok, l-Oppożizzjoni, iddawwar iċ-ċifri biex taqta’ l-qlub, għad-dannu tal-ħaddiema Maltin u l-familji tagħhom. Fil-fatt, fl-aħħar jiem, l-ekonomija Maltija kienet evalwata bl-akbar reqqa mill-Forum Ekonomiku Dinji u mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Moody’s.
L-istqarrija tgħid li l-WEF, filwaqt li għal sena oħra kkategorizza lil pajjiżna fost dawk “innovattivi”, sab li Malta żiedet fil-kompetittività tagħha, fattur li huwa fundamentali biex nattiraw aktar investiment u xogħol. L-istess rapport jirrimarka l-avvanz ta’ pajjiżna fl-investiment fis-settur edukattiv (deskritt fost l-aqwa 20 fid-dinja) u fl-infrastruttura. Min-naħa tagħha, il-Moody’s faħħret il-konsolidament finanzjarju li ddeskrivetu bħala ‘suċċess’, u nnutat kif fatturi important fiż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet dovuta għall-għajnuna mogħtija biex l-Air Malta terġa’ titpoġġa fuq sisien sodi u lill-Enemalta biex tkun tista’ ma żżidx it-tariffi għall-familji u n-negozju mimkeja żidiet fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Iżda għal darb’oħra, l-aqwa ċeritifikat li jista’ jingħata pajjiżna huwa meta din il-ħidma tissarraf f’ġid għall-familji, f’aktar xogħol b’pagi aħjar. In-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ komplew jiżdiedu. Illum hawn 150,000 ħaddiem jaħdmu bi qliegħ – fl-aħħar erba' snin inħolqu 20,000 post tax-xogħol ġdid. L-istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku ppubblikata aktar kmieni dan ix-xahar turi wkoll żieda ta’ 2.6% fil-pagi tal-ħaddiema meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan huwa importanti ħafna, f’perjodu fejn għadna naraw miljuni ta’ impjiegi jintilfu fl-Ewropa - l-aħħar aġġornament mill-Eurostat li juri li l-qgħad fiż-żona ewro żdied minn 10.1% għal 11.3%.
Il-Ministeru fl-istqarrija kkonferma li dan huwa frott tal-fiduċja li għandhom f’pajjiżna l-investituri internazzjonali u s-sidien ta’ negozju Maltin. Li kieku pajjiżna mifni bil-burokrazija kif irrepetew il-kelliema tal-Oppożizzjoni llum, pajjiżna ma kienx iħajar 160 industrijalist biex jinvesti aktar minn 350 miljun ewro f’fabbriki ġodda jew espansjonijiet ġodda li qed joħolqu mat-3,700 post tax-xogħol ġdid. Li kieku pajjiżna mifni bil-burokrazija, ma kienx se jkun hemm kważi 2,800 sid ta’ negozju investa aktar minn 160 miljun ewro bl-għajnuniet mogħtija permezz tal-MicroInvest, il-MicroCredit u l-Fondi Ewropej għall-industrija.
Din il-fiduċja f’pajjiżna hija wkoll frott l-istabbilità finanzjarja. Illum, Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Karmenu Vella, żamm mal-appuntament tradizzjonali ta’ darba fix-xahar li fih jagħti xhieda tal-inkompetenza finanzjarja tal-Oppożizzjoni, fejn jirrepeti l-kantaliena li pajjiżna jinsab f’qagħda finanzjarja mwegħra billi janalizza r-riżultati finanzjarji għall-perjodu speċifiku minn sena
Għaldaqstant, il-Ministeru jerġa’ jfakkar lill-Onor Vella li l-istampa kollha turi li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-livell tad-dejn żdied għaliex il-valur ta' stocks maħruġa kien ta' 455 miljun ewro, jew ta' 65% tal-ammont totali, li għal din is-sena ma jistax jeċċedi s-700 miljun ewro. Dan barra stocks antiki li mhux se jiġu mġedda din is-sena. Kif il-Bank Ċentrali stess irrimarka, l-istatitika ta’ kwart ta’ sena ma turix neċessarjament trends. Fl-ewwel kwart tas-sena, iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern tirrifletti miżuri ta’ appoġġ għall-Korporazzjoni Enemalta u l-AirMalta. Fil-każ tal-Enemalta, din l-għajnuna wasslet biex minkejja ż-żieda sostanzjali fil-prezz internazzjonali taż-żejt, it-tariffi għall-familji, l-industrija u s-sidien ta’ negozji m’esperjenzawx żieda fil-kontijiet. Dan barra investiment addizzjonali fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa. Il-parti l-kbira tad-dħul tal-Gvern isir lejn l-aħħar tas-sena, speċjalment għall-ħlasijiet ta’ income tax u VAT.
Il-Ministeru f'din l-istqarrija jsostni l-irresponsabbli tal-Oppożizzjoni, li tibqa’ tagħti l-impressjoni li xi logħob biċ-ċifri huwa possibbli meta taf li r-rekwiżiti Ewropej huma mill-aktar stretti u s-suġġett ta’ evalwazzjoni dettaljata u kontinwa.
Il-qtigħ il-qalb kontinwu mill-Oppożizzjoni huwa ta’ ħsara għall-famili Maltin u Għawdxin. Huwa ħasra, li nieqsa minn kull forma ta’ proposta ekonomika (ħlief dik ta’ Scicluna li nadottaw politika ekonomika Mintoffjana), l-Oppożizzjoni tirrikorri għal miżinformazzjoni li jagħmel ħsara lill-investiment u l-impjiegi.
L-Istqarrija ittemm tghid li minkejja dan, il-Gvern jibqa’ determinat fit-twettiq ta’ strateġija ekonomika li qed tirrendi ruħha f’kisbiet għall-pajjiżna u l-familji tagħna.
|