9 ta' Ġunju, 2012
20:41 CET |
Spanja se tingħata l-fondi tal-emerġenza biex issostni l-banek tagħha, li qed jiffaċċjaw problemi kbar, b’dan l-iżvilupp ikun ikkonfermat wara laqgħa urġenti tal-Ministri tal-Finanzi taz-Zona-Ewro jew il-Eurogroup.
Il-Ministru tal-Finanzi Spanjol, Luis de Guindos, qal li pajjiżu qabel biex jitlob l-għajnuna uffiċjalment mill-fond tal-emerġenza taz-Zona, iżda ma qalx kemm se jingħataw flus lis-sistema finanzjarja.
Madankollu, De Guindos sostna li l-ammont tal-fondi se jkun “sinifikattivament akbar” mill-erbgħin biljun ewro li irrakomanda l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
Spanja ma kenitx ħerqana li titlob għal bailout sħiħ fuq l-istess livell ta’ dak li ngħata lill-Greċja, lill-Irlanda u lill-Portugall< b’dawn il-pajjiżi jinsabu marbuta bil-kundizzjoni li jżidu t-taxxi u jnaqqsu l-infiq.
De Guindos qal li s-self se jirrikjedi r-ristrutturazzjoni tas-sistema finanzjarja ta’ Spanja u li fil-fatt “diġà hi għaddejja”. Intant, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar “is-sors tal-flus tal-emerġenza” – li jista’ jkun wieħed minn żewġ fondi (tas-salvataġġ) Ewropej< f’dan il-każ, l-EFSF jew l-ESM.
|