20 t' Awwissu, 2012
18:52 CET |
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħalissa għaddej bit-tħejjijiet biex isir eżerċizzju ta' taħriġ li se jkun akbar mill-aħħar edizzjoni.
Matul dan l-eżerċizzju, li mistenni jsir fl-ewwel jiem ta' Novembru, il-membri u l-voluntieri se jieħdu sehem f'diversi sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jinqalgħu, b'taħriġ u simulazzjonijiet li se jkunu qed isiru f'diversi postijiet f'Malta.
Fil-Kwartieri tad-Dipartiment f'Ta' Kandja, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Patrick Murgo ħabbar li hemm pjani biex tissaħħaħ il-flotta ta' vetturi ħalli l-pumpieri jħaddmu apparat iżjed sofistikat u modern.
Patrick Murgo qal li t-tibdil tal-vetturi għat-tifi tan-nar isir fuq diversi snin.
Barra minn hekk hemm l-intenzjoni li d-Dipartiment jespandi, fis-sens, li jkun hemm aktar xogħol marbut mal-prevenzjoni ta' inċidenti u diżastri. Ma jonqosx ukoll it-taħriġ għall-membri tad-Dipartiment kemm f'Malta kif ukoll f'pajjiżi oħrajn.
Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien imsejjaħ biex jassisti fi kważi 2,700 emerġenza fuq l-art u f'46 każ fuq il-baħar - żieda ta' madwar 500 każ fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
|