19 ta' Ġunju, 2012
21:18 CET |
Il-ġurnata t'esperjenza ta' Maria Hamett bħala Prim Ministru bdiet fid-dell ta'dak li seħħ il-ġurnata ta' qabel fejn il-vot li ttieħed wassal għar-riżenja tar-Rappreżentant Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana. Hekk sostna l-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-laqgħa distrettwali tal-1, it-8 u d-9 distett fid-Dar ċentrali.
Il-Prim Ministru stqarr li hu kellu jkun jaf bil-pożizzjoni ta' min kien se jastjeni u min ivvota favur it-tneħħija ta' Richard Cachia Caruana għaliex kieku l-atteġjamenti kienu jkunu differenti. Dan kellu jseħħ b'irġulija għax Joseph Muscat kien jaf b'dak li kien se jiġri proprju ġimgħa qabel summit importanti ħafna li jolqot b'mod dirett lil pajjiżna għax proprju se jkun hemm diskuss il-pakkett finanzjarju li Malta trid tiggwadanja bejn l-2014 u l-2020, summit li Richard Cachia Caruana għandu rwol importanti fih. Din il-mozzjoni, żied jgħid il-Prim Ministru kienet indirizzata biex tweġġa' rappreżentant Uffiċjali u mhux Deputat Parlamentari.
Sabiex jidher kemm vera l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni kienet waħda falza, tlaqqa' Kumitat tal-Parlament fejn ġie pruvat li dan kollu kien falz u meta rat hekk, l-Oppożizjoni staqsiet fuq affarijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu mal-mozzjoni fosthom il-paga ta' Cachia Caruana. Li kieku ma tlaqqax dan il-Kumitat, ir-Rappreżentant Permanenti ma kienx ikollu ċans jitkellem.
Fil-Parlament, żied jgħid il-Prim Ministru, George Vella qal li l-Oppozizzjoni għażlet l-aħjar timing biex tressaq din il-mozzjoni u dan juri kif anke anke meta hu fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista kapaċi jimmanipula l-poter, aħseb u ara meta jkun fil-Gvern. L-oppożizzjoni, b'din il-mozzjoni għamlet frame-up ieħor kontra persuna innoċenti b'azzjoni vendikattiva f'mument delikat.
|