Kenneth XUEREB
15 ta' Ġunju, 2012
18:49 CET |
Dissett, Bondi +, TVAM u Sellili. Dawn il-programmi kollha tal-istazzjon nazzjonali kienu fil-mira ta’ attakk mill-kelliem Laburista għax-Xandir Gino Cauchi li akkużahom bi żbilanc għaliex kellhom iktar mistednin mill-Partit Nazzjonalista milli mistednin ta’ simpatiji Laburisti.
Gino Cauchi ikkritika wkoll l-aħbarijiet tal-PBS fejn qal li hemm ħafna iktar kummenti tal-Ministri fl-Aħbarijiet milli tal-kelliema Laburisti. Qal ukoll li fuq l-istazzjon nazzjonali, jidher il-pożittiv biss tal-Gvern.
Il-kelliem Laburista irrefera għac-ċifri tad-dehriet li saru minn deputati fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti li ta l-Prim Ministru Lawrence Gonzi fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari magħmula minn Gino Cauchi stess.
Cauchi qal li l-PM ipprova jqarraq billi jinkludi lid-deputat Laburista Michael Falzon meta kien qed jitkellem fuq suġġett li mhux ta’ natura politika bħal-logħob tan-nar filwaqt li inkluda lil kelliema oħrajn li kienu qed jitkellmu fuq suġġetti bħal animali welfare għax għandhom simpatiji Nazzjonalisti.
Hu qal li ċ-chairman, il-Bord tad-Diretturi u l-Bord Editorjali, il-Kap Eżekuttiv u l-Editur Reġistrat tal-PBS Natalino Fenech għandhom jerfgħu ir-responsabbilta’ ta’ dak li hu sejjaħ żbilanċ.
Fi stqarrija bi tweġiba, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista qed ikun diżonest għaliex jibgħat f’ismu kandidati u uffiċjali laburisti għall-programmi fuq il-PBS u għaliex m’humiex deputati jilmenta li hemm żbilanċ kontra tiegħu.
Fi stqarrija oħra bi tweġiba, il-PBS qal li m’hu veru xejn li fl-aħbarijiet jixxandru risposti tal-gvern u jiġu njorati stqarrijiet tal-Oppożizzjoni. Il-PBS qal li bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni deher fl-aħbarijiet 107 darbiet u l-PM deher 16-il darba inqas minn Joseph Muscat.
Il-PBS qal li hemm inqas politika fl-aħbarijiet u qabbel statistika tal-Awtorita’ tax-Xandir fejn fl-1997 kien hemm medja ta’ 183 storja fix-xahar – medja ta’ 6 stejjer kuljum – fuq il-Gvern laburista filwaqt li illum, hemm medja ta’ 34 storja dwar il-Gvern fix-xahar li hi medja ta’ ftit iktar minn waħda kuljum.
Il-PN fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur, il-Partit Laburista bagħat kandidati Laburisti bħala Yana Mintoff u Edward Scicluna, id-Deputat Mexxej Toni Abela u s-Segretarju Internazzjonali Alex Sceberras Trigona u mbagħad jippretendi li ma jiġux ikkunsidrati bħala kelliema laburisti għaliex m’humiex deputati.
|