13 ta' Marzu, 2012
10:52 CET |
Il-Ministri tal-Finanzi taż-żona ewro approvaw it-tieni bailout għall-Greċja wara li l-Gvern Grieg, fl-aħħar jiem, laħaq qbil mal-kredituri privati biex jaħfrulu iktar minn nofs id-dejn li għandu magħhom.
Dan il-bailout, li jammonta għal €130 biljun, se jinqasam bejn l-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bl-IMF mistenni joħroġ 30 biljun.
Il-Gvern Grieg kien taħt pressjoni biex jikkonvinċi lill-kredituri privati, jigifieri l-banek li kienu sellfuh il-flus, jaħfrulu 53% tad-dejn. Minflok, tahom bonds b'imgħax baxx, jiġifieri tilfu ħafna flus. Iżda b'dan il-pass, id-dejn tal-Gvern Grieg naqas b'iktar minn 100 biljun ewro.
L-Unjoni Ewropea kienet wissiet lill-Greċja li jekk ma tasalx għal dan il-qbil kien hemm ċans li ma tingħatax dan it-tieni bailout, liema bailout huwa kruċjali biex il-pajjiż ma jfallix.
Matul il-laqgħa, li għaliha kien preżenti wkoll il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Ministri Ewropej tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni ekonomika fi Spanja. Huma qablu li jillaxkaw bi ftit il-mira għal tnaqqis fl-iżbilanċ ta' dan il-pajjiż għal din is-sena. Spanja oriġinarjament riedet li tnaqqas ir-rata tal-iżbilanċ għal 5.8% iżda l-Ministri Ewropej qalu li din għandha tkun 5.3%. Madanakollu, is-sena d-dieħla, Spanja trid tnaqqas l-iżbilanċ għal 3% jew inqas.
|