16 ta' Mejju, 2012
19:29 CET |
Numru ta’ anzjani li għadhom attivi fl-oqsma rispettivi tagħhom intgħażlu biex ikunu l-Ambaxxaturi ta’ Malta fis-sena Ewropea għall-Anzjanita’ Attiva u s-Solidarjeta bejn il-Ġenerazzjonijiet.
Dawn l-anzjani, akkumpanjati mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ Mario Galea, għamlu żjara ta’ kortesija lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-Berġa ta’ Kastilja.
F’kelmtejn, il-Prim Ministru qal li l-politika tal-Gvern tibqa’ dejjem favur li l-anzjani jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jibqgħu attivi permezz ta’ għajnuna u faċilitajiet biex jagħmlulhom il-ħajja iktar komda.
Hu sostna li f’Malta, iktar minn pajjiżi oħrajn, għandna ngħożżu r-riżorsa umana speċjalment il-kontribut li jistgħu jagħtu l-anzjani.
Min-naha tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Mario Galea fakkar li n-nisa Maltin huma t-tielet l-iktar li jgħixu fost il-pajjiżi tal-UE u l-irġiel it-tieni l-iktar.
Qal ukoll li l-enfasi għandha tibqa’ fuq il-kwalita’ tal-ħajja li jgħixu l-anzjani.
L-ikbar Ambaxxatur anzjan hu t-tabib Alexander Cachia Zammit li kien Ministru fil-kabinett tal-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier.
Filwaqt li l-iżgħar Ambaxxatriċi hi Sharona Mifsud ta’ 12-il sena li intgħażlet bħala ambaxxatriċi għax ipparteċipat fl-inizjattiva adotta nanna jew nannu biex jissaħħaħ id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet.
|