Gabriel ELLUL
17 ta' Lulju, 2012
18:25 CET |
Il-jazz - mużika li xi wħud jiddeskrivuha bħala waħda unika, u proprju għal dawk li huma dilettanti ta' din it-tip ta' mużika, din se tkun il-qofol ta' festival li se jkun organizzat bejn id-19 u l-21 ta' Lulju.
Filfatt, għal din is-sena, The Malta Jazz Festival se jkun qiegħed ifakkar it-22 edizzjoni tiegħu, b'talent lokali u internazzjonali li se jkunu qed idoqqu f'ambjent partikolari, fiz-zona tal-Port il-Kbir magħrufa bħala Ta' Liesse, fil-belt Valletta.
Iżda għat-tieni sena konsekuttiva, fil-jiem qabel u wara dan l-avveniment mużikali, ġew organizzati numru ta' spettakli oħra ta' jazz, f'diversi pubs u restaurants madwar Malta u Għawdex. Dawn l-attivitajiet ħadu forma ta' festival ieħor, Festival OFF, u huma immirati biex iqanqlu iktar interess f'din il-mużika.
Fil-jum tat-Tlieta, Festival OFF involva d-daqq tal-jazz fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, bis-sehem tal-mużiċisti magħrufa Dominic Galea u Charles 'City' Gatt. Preżenti għal din l-attivita' kien hemm ukoll il-Ministru tat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent Mario de Marco li spjega kif Festival OFF, flimkien ma' The Malta Jazz Festival, se jkompli jqajjem interess f'din it-tip ta' mużika waqt ix-xahar ta' Lulju – xahar li jiġbed lejh numru dejjem jikber ta' turisti lejn pajjiżna. Filfatt, is-sena li għaddiet kien hemm 162,000 turist li żaru pajjiżna f'dan ix-xahar.
Hu rringrazzja lil dawk kollha involuti f'dawn il-festivals, li qed isiru bis-sehem tal-Ministeru u tal-privat. Hu qal li jittama li dawn l-attivitajiet ikomplu jagħmlu lil Malta destinazzjoni unika għat-turisti li jżuruna.
Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet relatati mal-jazz, wieħed jista' jżur is-sit www.maltajazzfestival.org.
|