Daniela BARTOLO
30 ta' Lulju, 2010
14:59 CET |
Aktar minn 9 miljun ewro fondi tal-Unjoni Ewropeja għall-Iżvilupp Reġjonali se jmorru għall-protezzjoni u preservazzjoni ta' tliet siti storiċi ewlenin f'Malta - it-Tempji f'Ħal Tarxien, il-Katakombi ta' San Pawl fir-Rabat kif ukoll il-Gġantija f'Għawdex - tliet siti li huma fost is-siti mmexxija minn Heritage Malta u li aktar minn miljun turist iżuru kull sena.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi akkumpanjat mis-Sinjura Kate Gonzi u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu Mario De Marco għamlu fit-Tempji ta' Ħal Tarxien.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Heritage Malta Joe Said jispjega x'se jkun qed isir fit-3 siti.
Kif spjega l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-preservazzjoni ta' siti storiċi hija responsabilita' urġenti li Malta għandha lejn il-kumplament tad-dinja u l-ġenerazzjonijiet tal-futur. Il-Prim Ministru żied li l-ħarsien ta' siti storiċi huwa parti minn strateġija ekonomika fejn Malta tiġbed niċċa ta' turisti li tagħmel lill-pajjiż aktar kompetittiv. Dan iwassal għal ħolqien tax-xogħol fis-settur tat-turiżmu.
Waqt l-istess żjara tħabbar ukoll li għat-Tempji ta' Ħal Tarxien qed jiġu mħejjija wkoll disinji għal ċentru ta' viżitaturi.
Dan il-proġett isegwi wkoll il-proġett ta' bini ta' tined fit-tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim.
|