14 ta' Ġunju, 2012
12:37 CET |
Żewġ ewro parlamentari li jirrappreżentaw lill-Partit Laburista reggħu vvutaw kontra l-interessi ta' Malta fil-Parlament Ewropew f'vot li ttieħed fis-sigħat li għaddew fuq it-taxxa l-ġdida fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Agħar minn hekk, tnejn mill-MEPs Laburisti, bil-vot tagħhom, urew x'konfuzjoni kbira teżisti fil-kamp Laburista b'rabta mat-taxxa l-ġdida tal-FTT hekk kif fi spazju ta' ftit sekondi l-ewwel ivvutaw kontra, imbagħad ivvutaw favur.
L-istess konfużjoni toħroġ ukoll mill-fatt li f'vot minnhom, l-erba' MEPs Laburisti ma vvutawx l-istess – ma qablux bejniethom fuq l-istess vot – bi tnejn minnhom jivvutaw mod, u t-tnejn l-oħra jivvutaw mod ieħor.
L-Erbgħa, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, ittieħed vot fuq riżoluzzjoni b'rabta mal-Baġit li jmiss tal-UE u għall-mozzjoni tressqu żewġ emendi partikolari li kienu jagħmlu riferenza għat-taxxa ġdida fuq it-transazzjonijiet finanzjarji li qed tkun proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Kif inhija l-prassi, minbarra fuq ir-riżoluzzjoni sħiħa kif emendata, qabel, ittieħed vot fuq l-emendi waħda, waħda. L-ewwel emenda kienet tipproponi li fir-riżoluzzjoni jiżdied paragrafu li l-Parlament Ewropew jirrifjuta l-proposta li tiddaħħal taxxa ġdida fuq it-transazzjonijiet finanzjarji minħabba li din titfa' piż ġdid u inġust fuq numru ta' stati membri tal-UE li ma jifilhux għalih, u mhu se jiggwadanjaw xejn minnha.
Fuq l-emenda li kienet tinkludi dan il-paragrafu, spikka t-tahwid fost l-erba' MEPs Laburisti. Filwaqt li tnejn minnhom, John Attard Montalto u Joseph Cusċhieri vvutaw kontra, u għaldaqstant kontra l-interessi ta' Malta li hi kontra din it-taxxa, it-tnejn l-oħra Louis Grech u Edward Scicluna vvutaw favur. Mhux magħruf jekk iż-żewġ MEPs Laburisti li vvutaw kontra, għamlux dan bi żball, għax forsi għafsu buttuna b'oħra.
Imma ftit tas-sekondi wara ttieħed vot ieħor fuq emenda oħra. Din id-darba emenda li kienet tgħid li l-Parlament jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, fost l-oħrajn dwar id-dħul tal-FTT. Hawnhekk, iż-żewg MEPs laburisti li qabel kienu vvutaw biex il-proposta ta' taxxa gdida ma tigix miċhuda, din id-darba biddlu l-verzjoni u vvutaw kontra r-riferenza għal din it-taxxa.
Sorsi li tkellmu magħna fakkru li din ma kinitx l-ewwel darba li l-Lejber ivvota b'mod inkonsistenti u li ma jaqbilx mal-interessi ta' Malta fil-Parlament Ewropew fejn tidħol l-FTT. Qalu wkoll li filwaqt li f'Malta l-Lejber qed jipprova juri li bhall-Gvern ma jaqbilx ma' din it-taxxa, din il-politika mhix qed tkun riflessa fil-vot tal-MEPs tiegħu kull darba li titla' din il-materja fuq l-agenda tal-Parlament Ewropew.
In-nuqqas ta' Muscat li jgħid x'inhuma l-policies Laburisti f'dan il-qasam, liema policies, jekk jezistu, qed jinżammu moħbija sal-elezzjoni, mhix tgħin lanqas biex il-poplu Malti jkun jaf x'jagħmel il-Partit Laburista jekk ikun fil-Gvern.
Dan hu inkwetanti, qalulna dawk li tkellmu magħna, aktar u aktar meta tqis li wieħed mill-erba' MEPs Laburisti jista' jkun Ministru tal-ekonomija u l-finanzi fi Gvern ġdid Laburista.
|