Ray ABDILLA
22 ta' Marzu, 2012
14:00 CET |
Gerardo Jose Ruiz Pena ta' 48 sena, mill-Venezuela u li għandu passaport Spanjol kien ikkundannat 10 snin ħabs u mmultat €23,000 mill-Imħallef Michael Mallia wara li ammetta flok għadda ġuri li fil-25 ta' Settembru 2009 għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta' wara nofs in-nhar inqabad fl-ajruport internazzjonali ta' Malta bi 83 kapsola droga bl-eroina fl-istonku tiegħu.
Wara li saru testijiet mediċi fl-isptar Mater Dei irri'ulta li fl-istonku tiegħu, Ruiz Pena kien qiegħed igorr id-droga mimlija trab kannella. Dan it-trab ġie annaliżat minn espert imqabbad mill-Qorti u ikkonferma s-suspetti tal-pulizija li dan it-trab kien droga eroina ta' piż net ta' 799.44gramma ta' purita medja ta' 47.1%. Il-prezz bl-imnut ta' din il-droga jammonta għal madwar €36,774.
Huwa kien wasal Malta permezz ta' titjira tal-AirMalta KM 353 minn Dusseldorf flimkien ma Laura Suarez Cabezudo. It-tnejn li huma kienu twaqqfu mill-pulizija assistiti minn ufficjali tad-dwana wara li tqajjmu xi suspetti. Saret ukoll tfittxija intensiva fuq il-mara iżda ma nstabet l-ebda droga fuqha. Anke fuq ir-raġel għall-ewwel ma nstab xejn, iżda minn tfittxija aktar intensiva fejn kien skennjat, instabet id-droga moħbija fl-intern ta' Ruiz Pena.
Gerardo Jose Ruiz Pena kien ammetta mal-pulizija li xi jiem qabel wasal Malta assoċja ruħu ma persuni oħrajn barra minn Malta u kkumbina l-meżżi tiegħu biex b'hekk ikun jista' jibda imexxi u jimporta illegalment id-droga f'Malta.
Ruiz Pena ftiehem ma dawn il-persuni sabiex jieħdu ħsieb l-itinerarju tal-vjaġġ tiegħu mill-Veneżuela għal-Brussell. Fi Brussell iltaqa ma persuna oħra li ħaditu f'residenza f'Dusseldorf fil-Ġermanja fejn hemm hekk din il-persuna għalmitu jibla il-kapsoli. Kien miftiehem ukoll li Ruiz Pena kellu jsib persuna oħra li kienet lesta takkompanjah fil-vjaġġ tiegħu lejn Malta u għal dan il-għan hu kien ħeġġeġ ħabiba tiegħu Laura Suandes li aċċettat.
Kien miftiehem li jixtru l-biljett tal-arju minn Dusseldorf sabiex jiġu Malta u eventwalment Ruiz Pena kellu ukoll jirrisjedi temporanjament fil-lukanda Dolmen sabiex hemm hekk jikkonsenja ammont ta' droga eroina lil terza persuna sabiex din tiġI mibjugħa u ttraffikata f'Malta.
Laura Suarez Cabezudo, li kienet ma' Ruiz Pena kienet qalet fil-Qorti li hija ma kinitx taf li Ruiz Pena kien qed Iġorr id-droga. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija mmexxija mill-iskwadra mit-Taqsima ta' kontra d-droga rriżulta li l-Veneżwelan ġie mal-mara biex ma jagħtix fil-għajn. Kien żvelat ukoll li huwa sar jaf lil mara li ġab miegħu Malta permezz tal-internet fejn għal qabel dak iż-żmien il-koppja kienet tinnamra "online".
|