15 ta' Ġunju, 2012
20:38 CET |
Il-Gżejjer Falklands fakkru t-tletin sena mit-tmiem tal-gwerra mal-Arġentina b'servizzi fil-Kattidral u quddiem il-Monument tal-Liberazzjoni f'Port Stanley.
Fl-14 ta' Ġunju tal-1982, qawwiet tar-Renju Unit irnexxielhom jeħilsu dan it-territorju Britanniku (fin-Nofsinar tal-Atlantiku) mill-okkupazzjoni tal-Arġentini u l-Prim Ministru David Cameron enfasiżża li l-appoġġ tal-Britanniċi għall-Gżejjer Falklands għadu qawwi daqs qatt qabel u m'għandux ibatti fis-snin li ġejjin.
Dan meta reġa' hemm tensjoni kbira bejn ir-Renju Unit u l-Arġentina li qed tkompli tinsisti bid-dritt tas-sovranita fuq il-Falklands ( li tirreferi għaliha bħala Malvinas). Bħalissa, l-President tal-Arġentina Cristina Fernandez qed tmexxi 'offensiva' diplomatika f'dan is-sens u fejn qed tħeġġeġ biex Londra tiftaħ taħditiet rigward is-sovranita tal-gżejjer inkwistjoni.
Intant, il-liberazzjoni tal-Falklands (fl-1982) wara 74 jum ta' okkupazzjoni Arġentina ġiet imfakkra b'servizz ta' radd il-ħajr fil-Kattidral ta' Port Stanley, b'veterani tal-gwerra jmexxu parata militari sal-Monument tal-Liberazzjoni. Waqt is-servizz inqraw l-ismijiet tal-255 membru tal-qawwiet Britanniċi u tat-tlett ċivili tal-Falklands li mietu fil-konflitt li anki sewa l-ħajja ta' 650 Arġentini, biċ-ċerimonji jinkludu d-daqq tal-Last Post u Salut Irjali.
Il-Gvern tal-Falklands is-sena d-dieħla beħsiebu jorganiżża referendum biex 'jelimina kull dubju' dwar ix-xewqa tar-residenti li dejjem insistew dwar il-patrimonju Britanniku minkejja li l-Arġentina kompliet twebbes rasha. 'M'għandi l-ebda dubju li r-residenti tal-Falklands iridu li l-gżejjer ikomplu bħala Territorju awtonomu 'barrani' tar-Renju Unit', qal Gavin Short, bħala ċ-Chairman tal-Assemblea Leġislattiva tal-Falklands li deċidiet dwar ir-referendum bl-appoġġ sħiħ tal-Gvern Britanniku.
Il-vot mistenni jsir fl-ewwel sitt xhur tal-2013 bil-Gvern Britanniku jibqa' jirrifjuta li jiddiskuti l-kunċett tas-sovranita mal-Arġentina dment li t-3,000 residenti tal-Falklands jridu jibqgħu ċittadini sħaħ tar-Renju Unit.
|