15 ta' Ġunju, 2012
19:39 CET |
Ir-raġel tal-eks Prim Ministru tal-Ukrajna Yulia Tymoshenko akkuża lill-President Ukrajn Viktor Yanukovich talli 'qered il-ġustizzja f'pajjiżu' u wara li l-istess Yanukovich insista dwar 'konnessjoni' bejn Yulia Tymoshenko u każ ta' omiċidju li jmur lura sittax-il sena.
Olexander Tymoshenko uża kliem iebes ħafna fil-konfront ta' Yanukovich li akkużah talli 'qed jispjuna fuq martu' fl-isptar (fil-belt ta' Kharkiv) fejn bħalissa tinsab taħt il-ħarsien kontinwu ta' gwardjani hi u tirkupra minn problemi f'daharha 'u meta komplewlha l-kundizzjonijiet ta' priġunerija'.
F'Ottubru li għadda, Yulia Tymoshenko kienet ikkundannata għal seba' snin ħabs dwar akkużi li abbużat mill-poter. Intant, l-Unjoni Ewropea qed tqis il-każ tagħha bħala eżempju ta' ġustizzja 'selettiva' u bħala konsegwenza warrbet għal ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Ukrajna.
Il-Punent hu anki urtat bl-akkużi ta' Tymoshenko fis-sens li din spiċċat imsawta mill-gwardjani, bl-awtoritajiet fi Kjev qed jiċħdu għal dan u bil-President Yanukovich jirrifjuta li jintervjeni fil-każ partikulari.
Sadattant, il-prosekuturi Ukrajni żiedu l-akkużi fil-konfront ta' Yulia Tymoshenko li qed tkun mixlija b'evażjoni tat-taxxa u b'Yanukovich din il-ġimgħa jgħid lill-ġurnalisti li l-eks PM u avversarja qalila tiegħu 'kienet marbuta mal-qtil tal-politiku (li kien anki negozjant) Yevhen Shcherban.'
Il-President Ukrajn imbagħad qal li 'għandha tkun il-qorti' li tistabbilixxi dan il-fatt, iżda r-raġel ta' Yulia Tymoshenko – li ħarab mill-Ukrajna u qed jingħata kenn politiku fir-Repubblika Ċeka – akkuża lil Yanukovich b'li ħa r-riedni tal-ġudikatura bl-iskop li jwettaq vendetta personali 'u bħala pass ġdid fl-evoluzzjoni ta' dittatorjat fl-Ukrajna'.
|