20 t' Awwissu, 2012
19:06 CET |
'Qawsalla t'attivitajiet' se jimlew ix-xahar ta' Settembru mill-bidu sal-aħħar ….b'kollox jara l-bidu tiegħu f'Notte a Casal Paola li se ssir għat-tielet sena konsekuttiva. Dettalji dwar dawn l-attivitajiet li qed isiru b'fondi li jaqbżu t-300 elf ewro, tħabbru mill-Assistent Parlamentari responsabbli mill-Intern Beppe Fenech Adami.
Dawn il-fondi, li ġew imqassma għar-raba' sena konsekuttiva, ġew allokati lil 11-il Kunsill Lokali bis-saħħa tal-politika Nazzjonali tal-Gvern tal-Kunsilli Lokali u tal-promozzjoni tal-kultura.
Beppe Fenech Adami stqarr li dawn l-attivitajiet jixdhu l-aspetti kulturali uniċi tal-Kunsilli Lokali u jkomplu jsaħħuhom. Dawn jgħinu ukoll il-valur ekonomiku ta' pajjiżna għax jiġbdu aktar turisti b'mod partikolari fl-istaġun tas-sajf.
Kollox se jingħata bidu fl-1 tas-Settembru f'Raħal Ġdid, bl-għaxar Kunsilli Lokali l-oħra jimlew il-kumplament tal-kalendarju b'kollox jintemm iż-Żejtun.
Il-Kunsilli Lokali l-oħra li se jieħdu sehem huma Birżebbuġa, ix-Xlendi, il-Fgura, Marsaskala, l-Isla, Ħal Qormi, il-Marsa, il-Qala, u l-Ħamrun. Kif spjega Beppe Fenech Adami kull rappreżentat tal-Kunsilli Lokali li ngħataw il-fondi, b'dawn l-attivitajiet se joħorġu l-karatteristiċi uniċi tal-irħula rispettivi, b'Ħal Qormi jieħu lura n-nies fi żmien il-Kavallieri u jesponi dak li jispeċjalizza fih – il-ħobż. Iż-Żejtun, għas-sitt sena konsekuttiva se jiċċelebra żejt iż-Żejtun u l-Ħamrun il-festival taċ-ċikkulata. Dan filwaqt li l-bqija tal-Kunsilli Lokali se jtellgħu attivitajiet folkoristiċi, u xogħol,ikel u xorb matul il-medda taż-żmien.
|