19 ta' Ġunju, 2012
16:01 CET |
Il-Mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni tagħmilhom fi żmien l-iktar opportun għaliha. Hekk sostna l-eks Ministru Laburista u kelliem għall-Affarijiet Barranin George Vella waqt il-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali, l-għada tal-vot fil-Parlament li bih għaddiet il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista li talbet għar-riżenja tar-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana.
George Vella kien qed iwieġeb għall-mistoqsija jekk din il-mozzjoni saritx fi żmien opportun għall-interess nazzjonali hekk kif se jibdew in-negozjati għall-baġit tal-UE li jkopri s-seba snin li ġejjin bejn l-2013 u l-2020.
Il-Viċi PM u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg qal li bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, inħoloq preċedent ikrah fejn ambaxxaturi, diretturi u membri tas-servizz pubbliku jistgħu jispiċċaw quddiem il-Parlament.
Tonio Borg fakkar ukoll li meta kien Viċi Prim Ministru fl-1996, George Vella hareg lil Malta mill-Partnership for Peace mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament, xi haga li l-Avukat Generali qal li setgħet issir, kemm mill-Gvern Laburista kif ukoll mill-Gvern preżenti meta s-sħubija kienet rijattivata fl-2008. Dan ħareġ waqt ix-xhieda li għamel l-istess Avukat Ġenerali quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament li kien qed jiddiskuti il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
|