Ivan VASSALLO
6 t' Awwissu, 2012
20:53 CET |
Fl-uffiċċju tal-iscouts tan-Naxxar saret preżentazzjoni tal-Proġett Eko Ġenerazzjoni li ġie fost l-ewwel tlett proġetti li rebħu l-aħħar edizzjoni tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ. Il-kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tan-Naxxar għalhekk rebaħ €10,000 li se jintefqu f'numru ta' proġetti għall-ġid tal-komunita' tan-Naxxar.
Fost il-proposti li saru miż-żgħażagħ kien hemm programm ta' tħawwil ta' siġar mediterranju madwar il-lokalita' flimkien mal-installazzjoni ta' braille boards viċin postijiet storiċi sa biex iżżid aċċessibilita' għal persuni neqsin mid-dawl. Sa jsiru wkoll attivitajiet bħal mixjiet u abseiling, tqassim ta' kotba fil-librerija u l-Higher Secondary u saħansitra nxtara solar water heater li mistenni jnaqqas mill-konsum tad-dawl fil-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Il-Kunsillier responsabbli miż-żgħażagħ, Clinton Sammut, faħħar id-determinazzjoni taż-żgħażagħ li jaħdmu flimkien sa biex jagħtu proposti konkreti għall-lokalita' kollha.
Il-kittieb Oliver Friġġieri, li kien mistieden għall-okkazzjoni, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw bi ħġarhom f'attivitajiet bħal dawn u ma jibżgħux iħallu l-marka tagħhom fil-lokalita' li jgħixu fiha. Hu ħeġġiġhom ukoll jemmnu f'pajjiżhom għax pajjiżhom jemmen fihom.
|