MaltaRightNow.com
18 t' April, 2012
17:26 CET |
“Il-familji Għawdxin u dawk kollha li jżuru l-gżira ta’ Għawdex issa għandhom post ieħor ta’ rikreazzjoni li jista’ jitgawda minn kulħadd matul is-sena kollha.” Dan qalithu l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, waqt l-inawgurazzjoni ta’ żona ta’ rikreazzjoni fl-inħawi magħrufa bħala d-Daħla taċ-Ċnus f’Ta’ Sannat.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li din iż-żona rikreattiva f’Ta’ Sannat hija proġett ieħor li twettaq mill-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin b’finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ skema ta’ Eko Għawdex. Filwaqt li faħħret il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Sannat b’risq din il-lokalità fakkret kif il-Kunsilli u l-Kumitati Amministrattivi kollha f’Għawdex ser ikunu wettqu għadd ta’ proġetti oħra li minnhom ser igawdu r-residenti kollha fil-lokalitajiet rispettivi.
Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid li dan is-sit ser ikun ta’ valur miżjud għal din il-lokalità li l-karatteristiċi u l-inħawi rurali tagħha jattiraw għadd ta’ Maltin u turisti matul is-sena, b’mod partikolari għall-mixjiet fil-kampanja. Semmiet ukoll li dan il-proġett ser ikun ikkumplimentat minn xogħol ieħor li hu pproġettat li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll s-Sindku ta’ Sannat, Philip Vella.
Permezz ta’ żewġ skemi ta’ Eko Għawdex twettqu jew qed jiġu konklużi 51 proġett minn 37 Għaqda mhux Governattiva, 8 Kunsilli Lokali u 3 Kumitati Amministrattivi b’finanzjament ta’ €2 miljun. Dawn il-proġetti li huma kollha marbuta mal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni ta’ Eko Għawdex 2010 – 2012, jinkludu manutenzjoni u tisbiħ f’żoni rurali, restawr ta’ bini antik, bini ta’ ġibjuni għall-ilma tax-xita, bdil ta’ bozoz li jaħlu inqas enerġija, titjib fil-qasam kulturali u wirt storiku, kampanji edukattivi u inizjattivi marbuta ma’ kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent rurali u marittimu nadif. Dawn il-proġetti fissru kważi 66 elf siegħa xogħol li jfissru sena ħidma ta’ 32 ħaddiem fuq bażi full-time.
|