Kenneth XUEREB
11 ta' Ġunju, 2012
17:12 CET |
Ir-rata ta' persuni li jaħdmu f'Malta telgħet għal kważi 58% b'riżultat ta' żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-post tax-xogħol u żieda sostanzjali fin-numru ta' żgħażagħ li jkomplu l-istudji wara s-sekondarja.
Dawn huma l-iktar xejriet sinifikanti li ħarġu minn ċifri tal-Labour Force Survey ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u li jkopri t-tmien snin bejn l-2004 u s-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri juru li bejn l-2004 u l-2011 in-numru ta' persuni bejn il-15 u l-64 sena li huma attivi fis-suq tax-xoghol tela' minn 54.5% fl-2004 għal 57.6% fl-2011. Dan kien dovut l-iktar għal żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tan-nisa.
Ir-rata ta' qgħad fost iż-zagħżagħ hi ta' 13.7% – tnaqqis minn 16.6% fl-2004 filwaqt li r-rata ta' qgħad fost il-popolazzjoni ġenerali niżlet minn 7.2 għal 6.5%. In-numru ta' nisa jfittxu x-xogħol baqa' ogħla minn dak tal-irġiel minkejja li kien hemm tnaqqis sostanzjali ta' 2% mill-2004.
Iż-żieda kostanti fin-numru ta' nisa li jaħdmu wasslet biex ir-rata ta' persuni li m'humiex attivi fis-suq tax-xogħol niżlet bi kważi 9% matul is-sena li għaddiet meta mqabbel mal-2004.
Aspett inkoraġġanti li joħroġ mil-Labour Force Survey hu dak dwar il-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ fost iż-żagħżagħ. Jirriżulta li n-numru ta' żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena li għandhom livell ta' edukazzjoni sas-sekondarja jew inqas, niżel minn 42.3% fl-2004 għal 33.5% fl-2011.
Anki hawnhekk it-tnaqqis kien dovut l-iktar għal żieda qawwija fost it-tfajliet li jkomplu l-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.
Din iż-żieda hi riflessa wkoll fiż-żieda tan-numru ta' persuni bejn it-30 u l-34 sena li għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni, bin-nisa jitilgħu minn 16.3% fl-2004 għal 22.2% s-sena li għaddiet, rata li taqbeż dik tal-irġiel.
Ir-rata ta' persuni li huma reġistrati bħala self-employed baqgħet stabbli f'dawn l-aħħar tmien snin, fil-livell ta' 13.7%.
|