Robert CREMONA
11 ta' Ġunju, 2012
18:22 CET |
Fi ftit jiem oħra se jiġu inawgurati Triq il-Kunsill tal-Ewropa u triq Garibaldi f'Ħal Luqa – toroq illi diġa' infetħu għat-traffiku wara li fl-aħħar ġimgħat tlesta t-tarmac, sar dawl ġdid, u inżebgħu is-sinjali mal-art. F'xi partijiet saru ukoll lights biex it-triq tkun aktar sigura għan-nies li jridu jaqsmu kemm minn naħa ta' Ħal Luqa kif ukoll dawk li jiġu minn naħa tal-Gudja.
Flimkien ma' dawn it-toroq tlestew ukoll it-toroq il-ġodda f'Xatt l-Għassara u l-Moll taċ-Ċangatura fil-Marsa. L-investiment totali f'dawn l-erba' toroq kien ta' madwar €18-il miljun.
Dwar it-toroq ta' Ħal Luqa wieħed jinnota li sar xogħol kbir infrastrutturali, inkluż fuq il-ħitan mal-ġenb tat-triq. Bħala sigurta', tneħħew ukoll xi siġar li kienu fil-ġnub tat-triq u tpoġġew f'postijiet oħra.
Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi huma mifruxa fuq total ta' 2.2 kilometri. Ix-xogħol globali fuq dawn it-toroq ħa madwar 56 ġimgħa.
Dawn it-toroq jiffurmaw parti minn dak li hu magħruf bħala Ten-T Network, u 85% tal-ispiża ġiet koperta minn fondi Ewropej.
Fost proġetti oħra li hemm għaddejin bħalissa fuq diversi toroq wieħed isemmi ix-xogħol estensiv f'Għawdex, ix-xogħol fil-bypass tal-Mellieha, u x-xogħol fit-triq li twassal għat-terminal taċ-Ċirkewwa.
Dan is-sit jinsab infurmat li sal-aħħar ta' din is-sena, l-Gvern se jkun lesta total ta' 500 triq, li jinkludu dawk fiz-zoni residenzjali.
Ritratt: Michael Ellul
|