14 ta' Mejju, 2012
17:48 CET |
Greċja
Tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Greċja hekk kif kollox jindika li l-pajjiż se jkollu jirrikorri għal elezzjoni oħra biex jiġi iffurmat Gvern.
Dan wara li tnejn mill-partiti tax-Xellug irtiraw mid-diskussjonijiet għal koalizzjoni ġdida. L-uniku żewġ partiti li għadhom fid-diskussjonijiet huma l-PASOK u d-Demokrazija l-Ġdida, żewġ partiti li diġa' fallew fit-tentattivi tagħhom li jiffurmaw koalizzjoni peress li m'għandhomx siġġijiet biżżejjed.
Sirja
Madwar 23 suldat Sirjan sfaw maqtula fl-aħħar mewġa ta' vjolenza fil-pajjiż. Is-suldati inqatlu fi ġlied li faqqa fil-belt ta' Rastan, fiċ-ċentru tal-pajjiż.
Din kienet l-akbar telfa għall-qawwiet ta' Bashar al-Assad fl-aħħar 14-il xahar kemm ilu għaddej il-kunflitt fis-Sirja.
Renju Unit
Ikomplu ċ-ċelebrazzjonijiet f'din is-sena speċjali tal-Ġublew tar-Reġina Eliżabbetta it-Tieni, hekk kif f'Windsor saret parata bis-sehem ta' numru kbir ta' żwiemel. Ir-Reġin qed tiċċelebra is-60 sena fit-tron – ġublew tad-djamanti li qed jitfakkar b'pompa kbira fir-Renju Unit. Fil-parata ta' tmiem il-ġimgħa ipparteċipaw 550 żiemel u madwar elf żeffien u mużiċist.
Libja
Tikber l-urġenza fuq it-talba għall-investigazzjoni dwar rapport tal-mewt ta' 72 persuna Libjana, illi qed jingħad li inqatlu min-NATO fl-attakki mill-ajru tas-sena l-oħra. Din l-akkuża serja qed issir mill-organizzazjoni Human Rigħts Watch.
In-NATO minn naħa tagħha qed tgħid li ma tistax tieħu r-responsabbilta' ta' dak li seħħ għaliex ma kelliex nies fuq l-art biex tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet.
Ġermanja
Il-propjetaru u Fundatur tas-Sea Sheperd Paul Watson ġie arrestat fil-Ġermanja sabiex jiġi estradit lejn Costa Rica fejn qed jiġi akkużat b'każ li jmur lura 10 snin, fejn allegatament ħarbat il-moviment ta' diversi vapuri.
Is-Sea Sheperd, bil-vapur tagħha Steve Irwin, kienet ukoll ħarbtet is-sajd tat-tonn ta' numru ta' sajjieda Maltin fis-Sajf tal-2010. Jingħad li din l-organizzazjoni twaqqfet biex tiddefendi s-sajd legali, għalkemm tul is-snin dejjem daħlet f'kontroversji varji.
Portugal
Fi tmiem il-ġimgħa tfakkar il-95 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna f'Fatima. Huwa stmat li l-ħadd madwar 300,000 pelleġrin minn 30 pajjiż differenti inġabru f'dan il-villaġġ Portugiż biex ifakkru dan l-avveniment. Uffiċjali tas-Santwarju qed jgħidu li b'kollox ixtgħelu mat-30 tunnelata ta' xemgħa f'dan il-jum speċjali
|